Home » PR
Agenparl English Politica Estera Social Network

PR

(AGENPARL) – La Valletta (Malta), gio 16 gennaio 2020

Publication Number: PR
Article Date:
Title: STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT
Main Content:

Diskors mill-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta fl-okkażżjoni tal-iSkambju tal-Awguri Għas-Sena l-Ġdida

Il-Palazz ta’ Sant’Anton

 

Mistednin Distini,

 

Grazzi Sur Benċini tad-diskors tiegħek.

 

Huwa ta’ pjaċir għalija li qed nindirizzakom għall-ewwel darba bħala President ta’ Malta, f’dan l-iskambju tradizzjonali tal-awguri għas-Sena l-Ġdida.

 

Hija wkoll opportunità sabiħa sabiex niċċelebraw flimkien ħidmietkom tul is-sena li għaddiet. B’hekk irrid nibda billi nirringrazzjakom tax-xogħol li wettaqtu li għalkemm xi drabi ma jidhirx, huwa tassew importanti għal pajjiżna. Dan dejjem sostnejtu, anka fil-kariga tiegħi meta kont Ministru għall-Affarijiet Barranin.

 

B’referenza għal dak li diġà qal is-Sur Benċini, l-aħħar ftit xhur tas-sena li għada kif intemmet ma kienu sbieħ xejn. Kif tennejt f’okkażjonijiet oħra, Malta għaddiet minn sitwazzjoni bla preċedent li għeżżet l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u ħasdet lis-soċjetà tagħna.

 

B’dispjaċir ilkoll innutajna l-effetti negattivi li dawn l-avvenimenti ġabu magħhom, anke fil-qasam internazzjonali. Isem pajjiżna ttebbgħa u konsegwenza t’hekk anka l-kredibilità tagħna ħadet daqqa ʼl isfel.

 

Biss pajjiżna ma jixraqlux hekk. Fil-pożizzjoni tiegħi, ħdimt fil-parametri li tippermettili l-kostituzzjoni sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom. L-għaqda nazzjonali hi l-akbar arma li l-poplu Malti għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Hekk kif għadu kif inħatar Prim Ministru ġdid, għandna l-obbligu li nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna sabiex l-isem ta’ pajjiżna jitnaddaf. Ilkoll nafu li Malta, fiċ-ċokon tagħha, għandha ħafna x’toffri. L-istorja, il-kultura, it-tradizzjonijiet, l-ospitalità tal-poplu, kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika, jagħmluna l-għira ta’ ħafna.

 

Għaldaqstant, l-għajnuna u l-ħidma tagħkom hija essenzjali sabiex inħassru din ix-xejra negattiva u nerġgħu nġibu lura r-rispett, id-dehen u l-ġieħ li Malta jixirqilha.

 

Ir-rwol tagħkom ta’ Konsli Onorarji jqgħedkom f’pożizzjoni li tistgħu tagħmlu dan.

 

Intom parti minn ħolqa importanti sabiex twasslu messaġġ ta’ rieda tajba hemm barra fil-pajjiżi li tirrapreżentaw. Inħeġġiġkom tużaw ir-rapporti tagħkom lill-kapitali rispettivi sabiex tinfurmaw li Malta qegħda taħdem sabiex l-istituzzjonijiet regolatorji tagħha jissaħħu u biex tkompli toffri ambjent fejn jitkattar l-investiment u n-negozju, speċjalment f’oqsma ġodda u innovattivi.

 

Bis-saħħa tagħkom, nibqgħu nippromwovu l-interessi li jeżistu f’diversi setturi, bħat-turiżmu u l-istudju tal-Ingliż, il-qasam marittimu, l-avjazzjoni, l-farmaċewtika, u oqsma oħra li tant aħna magħrufin u mfittxija għalihom. Irridu nkomplu ninvestu f’oqsma innovattivi li Malta stabilixxiet ruħha fihom, iżda wkoll f’intrapriżi ġodda li taħsbu li jistgħu jifjorixxu f’Malta.

 

Bir-rwol tagħkom, Malta għandha l-opportunità li ssir ċentru ta’ innovazzjoni kreattiva li tiġbed lejha l-aqwa mħuħ, filwaqt li tagħti opportunità lill-ħaddiema tagħna, speċjalment dawk żgħażagħ, jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom f’pajjiżna stess.

 

Nemmen bis-sħiħ li bħala Konsli Onorarji, intom pont li jagħmel aktar faċli l-iskambju bejn il-popli u l-kulturi. Kif semma tajjeb is-Sur Benċini, fid-dinja globalizzata li qed ngħixu fiha llum, Malta, bħall-pajjiżi oħra, kull ma’ jmur qed issir iktar multikulturali. Għaldaqstant, bl-għajnuna valida tagħkom, nistgħu nkomplu naraw li jitħarsu l-interessi ta’ dawk iċ-ċittadini barranin kollha li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jikontribwixxu għas-suċċess ekonomiku li Malta qed tesperjenza bħalissa.

 

Fl-istess ħin, bħala Konsli Onorarji, għandkom rwol importanti ferm li tedukaw lil dawn il-persuni fl-obbligi u d-drittijiet legali tagħhom hekk kif jibdew jgħixu f’Malta.

 

Bl-istess mod, intom ukoll mezz ta’ għaqda bejn Malta u l-kapitali tal-pajjiżi differenti li taħdmu magħhom. Dawn ir-rabtiet huma essenzjali sabiex jissaħħu l-people-to-people contacts. Filwaqt li fil-livell politiku u tekniku jiġu maqbula trattati u ftehim varji, huwa l-kuntatt dirett man-nies li jiddetermina ħafna mis-suċċess tar-rabtiet bejn il-pajjiżi. Ħafna mid-drabi, l-Konslu Onorarju jkun l-ewwel kuntatt, u jibqa’ punt ta’ referenza tul il-karriera tiegħu.

 

Fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri fir-reġjun tagħna bħalissa, dan huwa punt kruċjali. F’dawn l-aħħar 55 sena, Malta dejjem serviet ta’ interlokutur u xprun għall-paċi. Bħala pajjiż, dejjem sostnejna li paċi fil-Mediterran u r-reġjuni li jmissu miegħu hija garanzija ta’ paċi fid-dinja.

 

Sfortunatament, bħalissa s-sitwazzjoni fir-reġjun tagħna żgur mhijiex pożittiva.

 

Fl-aħħar ġimgħa, rajna kif żdiedet it-tensjoni fil-Libja, il-kunflitt fis-Sirja ma jidhirx li hemm tama li jtemm fil-futur qrib, l-istat umanitarju tal-Yemen kull ma jmur jiggrava, u qed naraw eskalazzjoni bejn l-Iran u l-Istati Uniti tal-Amerika. Jiddispjaċini ninnota li f’dan ix-xenarju internazzjonali, l-Unjoni Ewropea mhijiex qegħda turi l-għaqda u l-leadership mistenni minnha. Hemm bżonn li dan l-istat ta’ fatt jirranġa.

 

Huwa għalhekk essenzjali li l-Korp Konsolari, filwaqt li jżomm dan kollu f’moħħu, jemmen li l-kontribut tiegħu huwa bil-wisq siewi biex titkattar l-għaqda bejn il-popli u tikber il-fiduċja bejn il-pajjiżi, kemm fil-livell konsolari kif ukoll fuq livell politiku, ekonomiku u kummerċjali.

 

Intom parti minn katina li ssaħħaħ il-ġid kemm tas-soċjetà li ngħixu fiha, kif ukoll it-titjib tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi.

 

Għas-Sena l-Ġdida, hija x-xewqa tiegħi li nibqgħu naħdmu flimkien għal dan l-għan. Kull pajjiż għandu xi ħaġa x’joffri u nemmen li bis-saħħa tagħkom, pajjiżna jasal biex igawdi frott ħidmietkom f’bosta oqsma.

 

Qabel ma nikkonkludi, nixtieq nirringrazzja lilkom għal kliem sabiħ rigward il-Malta Community Chest Fund Foundation.

 

Nieħu din l-opportunità li nagħmel stedina lil kull wieħed u waħda minnkom u kollettivament lilkom bħala Korp, li tieħdu sehem aktar attiv fid-diversi attivitajiet li minn żmien għal żmien l-Presidenza torganizza flimkien mal-Malta Community Chest Fund Foundation matul is-sena.

 

Għaldaqstant, minn qalbi f’ismi u f’isem marti Miriam, nawguralkom Sena Ġdida mill-isbaħ, mimlija ħidma sfieqa, fejn il-ħbiberija bejn Malta u l-pajjiżi li tirrapreżentaw tibqa’ tikber u tissaħħaħ.

 

Grazzi.

 

Fonte/Source: https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Pages/2020/January/16/pr200055.aspx

Related posts

GARA DI BASKET DINAMO SASSARI – HAPOEL HOLON

Redazione

В Хакасии увековечили память фронтовика

Redazione

FORWARD LOOK: 27 JANUARY – 9 FEBRUARY 2020

Redazione

VISIT TO ISRAEL

Redazione

TRIP TO LIPETSK REGION

Redazione

CLAUDIA GERINI INCONTRA IL PUBBLICO. MARTEDì, 28 GENNAIO, 19.30, TEATRO SPINA, APERITIVO CON L’ATTRICE ROMANA E GLI INTERPRETI DEL FILM “A MANO DISARMATA”.

Redazione

This website uses cookies to improve your experience. We'll assume you're ok with this, but you can opt-out if you wish. Accept Read More